Għadni kemm qrajt rapport f’The Times tal-lum (7/11/2011: http://www.timesofmalta.com/articles/view/20111107/local/Hunters-shoot-down-woodland-regulations.392609) dwar stqarrija tal-Federazzjoni tal-Kaċċaturi li fiha jilmentaw dwar abbozz ta’ regolamenti dwar is-siġar (Trees and Woodlands Protection Regulations). Dan l-abbozz jitkellem dwar il-bżonn li jiġu kontrollati u mibdula siġar invażivi bħall-ewkaliptus u l-akaċja.
Ħaġa tal-iskantament ir-rappreżentanti tal-kaċċaturi jiftaħru li kien huma li infestaw kull m’hemm b’dawn l-ispeċi – għas-spejjeż ta’ siġar indiġeni u mediterranji u biex ikomplu jżidu l-melħ fuq il-ferita jgħidu (kif kwotati minn The Times): “This environmental miracle did not happen overnight” u kif l-kampanja hija aktar ħadra ‘grazzi’ għalihom. Skużawni imma l-uniku raġuni għaliex tħawwlu l-akaċja u l-ewkaliptus huwa għall-egoiżmu tagħhom – għax jikbru malajr ħafna u jimlew kull m’hemm – jew inkella, m’hemmx kelma oħra, għax totalment injoranti f’xi tfisser verament konservazzjoni.
Dal-gvern għandu parti kbira mit-tort ukoll – l-mixtla ta’ Wied Inċita li kienet tipprova tkabbar siġar indiġeni għal programmi pubbliċi ta’ afforestazzjoni spiċċat mixtla prattikament privata, timporta x-xitel bl-addoċċ, l-aqwa li trendi lill-kumoaniji privati li jmexxuha.
Eżempji ta’ proġetti u għaqdiet li jkabbru u jħawwlu siġar indiġeni, wħud minnhom rari, għandna lill-Gaia Foundation ta’ Għajn Tuffieħa li jieħdu l-intrigu jkabbru siġar u xtieli indiġeni miż-żerriegħa. Il-proġett ta’ Wied Għollieqa tan-Nature Trust eżempju ieħor. Birdlife ukoll jinvestu f’siġar u xtieli indiġeni fil-proġetti tagħhom. Dawn huma nies li jafu verament xi jfissru ‘environmental miracles’.
Alla jeħlisna mill-FKNK tinfluwenza r-regoli ġodda dwar is-siġar. Min ikkontribwixxa għal ħsara kbira fil-kampanja jew għax ma jifhimx jew għax ma jarax aktar bogħod mill-ponta ta’ mnieħru m’għandux jingħata ċans jirrovina r-regolamenti ġodda dwar l-ambjent naturali.

November 8, 2011 at 1:03 pm |
Kif jgħid il-Malti nsomma, “Prosit alla kif għaxxaqtuha.” Tajba l-ewkaliptu, toħnoq kull ħaġa ta madwarha.
November 8, 2011 at 10:53 pm |
Mhux ahjar ghalqu halqhom u ma qalu xejn!? Minflok ftahru fuq ‘miraklu ambjentali’. Hawn min ma jafx jaghlaq halqu anke meta jkun ghamel froga… il-hasra hi li l-membri taghhom min jaf kemm huma kburin ghax qabzu ghalihom