Archive for May 13th, 2008

Macchiavelli

May 13, 2008

Il Punt – Ralph Cassar | 11 ta’ Mejju 2008 Nr 80 www.illum.com.mt

Sfreġju Ħ’Attard

Kemm jien kuntent li għażilt li ma nemminx il-wegħdi tal-Prim Minisrtu waqt il-kampanja elettorali: li jwarrad ’l hemm u ’l hawn; li fil-Gvern se jieqaf lil min jiffinanzjalu l-partit.

Meta ma tkunx temmen verament f’ċerti prinċipji iżda tużahom biss bħala slogans għal żmien l-elezzjoni allura meta jgħaddi kollox, iż-żejt jerġa’ jitla’ f’wiċċ l-ilma u addio kliem sabiħ.

F’dawn il-ġranet ħarġet biċ-ċar l-inkonsistenza ta’ Lawrence Gonzi li min-naħa wiegħed riformi fil-qasam ta’ l-ippjanar u min-naħa l-oħra wiegħed lil min qed jokkupa art pubblika fl-islums ta’ l-Armier jirregolarizzalhom il-pożizzjoni illegali tagħhom.

 
Qed jispikka l-fatt li għalkemm kellha tirriżenja kummissjoni tal-MEPA wara li approva bini ODZ fil-limiti ta’ Ħal Safi wara pressjoni qawwija mill-partit tiegħi, il-Prim Ministru ma ħa l-ebda azzjoni biex jitwaqqaf dan l-iżvilupp illegali. Anke l-MLP qal li ma jista’jsir xejn.

X’għarukaża. Qed jispikka l-fatt li għalkemm taħt l-Ministru George Pullicino jingħad li tħalla jsir indħil minn Jeffrey Pullicino Orlando fil-każ tal-Mistra l-Prim Ministru ma’ ħa l-ebda azzjoni konkreta. Biex tgħaxxaqha Jeffrey Pullicino Orlando ġie ppremjat b’mod qawwi mill-elettorat.

Biex inkomplu ngħaxxquha kellna lis-Segretarju Ġenerali tal-PN Joe Saliba jgħid li jerġa’ jagħmel kollox l-istess – bħal Macchiavelli – għall-poter kollox hu permess, anke li tidħaq bin-nies b’mod sfaċċat.

Dan il-fatti juru li għalkemm hawn min qed jittama li se jinbidlu l-affarijiet hu ovvju li fis-sitwazzjoni politika preżenti, bil-PN b’ħakma assoluta fuq l-apparat ta’ l-istat kollox se jibqa’ kif inhu.

Fuq livell lokali nista’ nitkellem b’mod konkret fuq Ħ’Attard b’dak li qed jiġri f’Ħ’Attard. F’dawn l-aħħar snin, minħabba l-politika żbaljata li tiffavorixxi lill-ispekulaturi u ma tagħtix kas ir-realtajiet ta’ pajjiżna bħan-nuqqas ta’ spazji miftuħa u l-iskandlu ta’ eluf kbar ta’ proprjetajiet vojta, Ħ’Attard reġa’ spiċċa sit tal-kostruzzjoni. Żoni li fihom bilkemm tlesta l-bini reġgħu bdew jitħarbtu. Dan wara li nbidlet il-politika ta’ l-ippjanar, bil-limiti tal-għoli tal-bini jinbidlu.

Ma saritx konsultazzjoni kif titlob il-Liġi dwar l-ippjanar qabel ma ġie approvat il-Pjan Lokali li jirregola x’tip ta’ bini jista’ jsir f’żoni differenti. Il-bdil f’daqqa fl-għoli permess ta’ bini f’parti kbira ta’ Ħ’Attard qed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti kif ukoll ħsarat fit-toroq li l-Kunsill Lokali bil-baġit limitat tiegħu ma jistax ilaħħaq magħhom. Qed ibiddel ukoll il-karattru tal-post f’daqqa. Żoni li fihom diġà hemm konċentrazzjoni kbira ta’ bini se jinbidlu f’żoni b’aktar u aktar units residenzjali.

Kif issa jaf kulħadd f’Malta hawn diġà biżżejjed bini vojt u mhux utilizzat (53,000 unit). Il-kurjuża hi li Pjanijiet Lokali ġew approvat qabel ma ġie ippubblikat iċ-ċensiment.

Bħala kunsillier fl-aħħar ta’ Frar ressaqt mozzjoni għall-kunsiderazzjoni ta’ Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard. Ir-realtà hi li l-unika mod kif jitwaqqaf l-isfreġju li qed isir hu li l-Pjan Lokali jiġi dikjarat null minħabba li l-proċeduri stabbiliti bil-Liġi ma ġewx osservati meta l-Gvern approva dan il-pjan.
Għaldaqstant tlabt biex il-Kunsill jiftaħ proċeduri legali fil-Qorti. Dan hu l-uniku mod effettiv kif ta’ lanqas isir tentattiv biex jitwaqqaf l-isfreġju ta’ Ħ’Attard.

Sfortunatament il-mozzjoni m’għaddietx. Il-kunsilliera ta’ PN ivvutaw kontra. Kienet opportunità tajba biex għall-ewwel darba Kunsill Lokali jipprova juża l-poteri li tagħtih il-Liġi li jisfida l-politika tal-Gvern ċentrali fl-interess taċ-ċittadini tal-lokal. Kien ikun ‘test case’ interessanti. Iżda la l-maġġoranza iddeċidiet hekk, hekk ikun.

 
Ir-realtà tibqa’ li dak qed jiġri f’Ħ’Attard u madwar Malta u Għawdex kollha hu tort tal-politika tal-Gvern Nazzjonalista. Milli jidher ftit hemm rieda politika li ssir xi ħaġa.

Ralph Cassar hu Kunsillier Lokali ta’ Alternattiva Demokratika f’Ħ’Attard