Il-Patt dwar il-Migrazzjoni

www.illum.com.mt Il Punt – Ralph Cassar | 19 ta’ Ottubru 2008 Nr 103

Se mmur dritt għall-punt. Il-pożizzjoni ta’ Alternattiva Demokratika dejjem kienet li r-responsabbiltà għan-nies imsejkna li jaħarbu minn pajjiżhom lejn l-Ewropa minħabba ġlied u nstabbiltà kbira, jiġifieri dawk il-pajjiżi li huma rikonoxxuti internazzjonalment bħala pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jistgħu jitolbu xi tip ta’ protezzjoni, għandha tinqasam b’mod ġust fost il-pajjiżi Ewropej kollha.

Il-kunċett ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jfisser li rridu naqsmu l-ferħ u n-niket, it-tajjeb u l-ħażin.

Malta tiflaħ, bi sforz u mhux mingħajr diffikultajiet, tintegra u ssostni numru pjuttost ristrett ta’ nies. Konvint li hemm nies li jikkontribwixxu lura lill-komunità kollha jekk jingħataw iċ-ċans. Proġetti li l-Gvern xeba’ jiftaħar bihom inbnew ukoll minn nies li mhumiex Maltin. Kull min qiegħed fid-dinja tax-xogħol jaf bin-nuqqas kbir ta’ ħaddiema f’ċerti oqsma. Iżda r-realtà ma tistax taħrabha. Ħadd ma jista’ jippretendi li Malta ġġorr il-problemi tal-Afrika fuq spallejha. Impossibbli ekonomikament, loġistikament u soċjalment.

Kien għalhekk li Alternattiva Demokratika, filwaqt li nsistiet li l-Ewropa għandha tkun solidali u tiffaċċa l-isfidi b’mod ħanin u ġust, dejjem, bħala partit responsabbli qalet li l-piż għandu jinġarr skont kemm jiflaħ kull pajjiż individwali.

Il-pajjiżi li fil-passat kienu jmexxu politika ta’ espansjoni kolonjalista għandhom jerfgħu parti kbira mill-piż. Is-soluzzjoni fit-tul tal-problemi li ġġib magħha migrazzjoni ta’mases kbar ta’ nies hi li kemm l-UE kif ukoll il-pajjiżi industrijalizzati jaraw kif il-ġid tad-dinja jkun maqsum aħjar u b’mod aktar ġust bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pjaneta.

Kien ikun faċli ħafna għalina li niskurjaw punti politiċi u nużaw retorika populista marbuta mal-populiżmu rresponsabbli, perikoluż u moqżież tal-Lemin Estrem: kliem dwar ir-razza u ta’ patrijottiżmu falz bħallikieku l-Maltin u l-Għawdxin stess huma kollha l-istess u kollha għandhom l-istess prijoritajiet, kultura jew valuri.

Faċli ħafna twiegħed soluzzjonijiet fażulli u mmaġinarji. F’dan ir-rigward id-diskussjoni dwar l-immigrazzjoni li saret fil-Parlament dan l-aħħar kienet interessanti, bi kliem galbat. Dak li jingħad għall-pjazza hemm bżonn li jkun aktar meqjus.

L-inkwiet u l-mistoqsijiet tan-nies hemm bżonn li jitwieġbu. Naħseb li Alternattiva Demokratika qed timxi b’mod responsabbli ħafna fuq din il-kwistjoni. Għedna li l-Gvern għandu jinsisti li l-qsim tar-responsabbiltà għall-immigranti għandu jkun parti mill-Patt dwar il-Migrazzjoni. Għedna li l-Gvern għandu juża l-veto jekk ma jkunx hemm referenza għal dan.

Il-Patt sar, ġie iffirmat. Għedna li kien pass importanti ’l quddiem. Konna nippreferu li kieku kien hemm mekkaniżmu aktar ċar u maqbul minn qabel dwar kif għandha tinqasam r-responsabbiltà u l-proporzjon li jiflaħ kull pajjiż. Iżda l-affarijiet jimxu b’mod gradwali. Il-ħidma ta’ konvinzjoni fuq livell Ewropew hemm bżonn li ma tiqafx.

Min-naħa tal-Partit tal-Ħodor Ewropew, filwaqt li dejjem jisħqu fuq l-obbligu morali ta’ l-Unjoni Ewropea bħala entità b’saħħa ekonomika kbira li tmexxi politika ta’ kummerċ ġust, li tgħin biex l-Afrika toħroġ miċ-ċirku vizzjuż tal-faqar u l-gwerer, u favur żvilupp sostenibbli madwar id-dinja permezz ta’ trasferiment ta’ teknoloġija mit-Tramuntana għan-Nofsinhar tad-dinja, jifhmu wkoll li kollox hu proporzjonali, inkluż kemm jiflaħ jagħmel jew ma jagħmilx pajjiż żgħir.

Ir-rapport tal-Membru Parlamentari Ewropew tal-Ħodor Jean Lambert, approvat mill-Parlament Ewropew b’maġġoranza enormi, isemmi l-importanza li l-Ewropa jkollha politika komuni fuq il-migrazzjoni li tinkludi l-qsim tar-responsabbiltà kif ukoll l-bżonn ta’ reviżjoni tar-regolamenti ta’ Dublin biex jippermetti lil min jitlob ażil f’pajjiż żgħir bħal Malta jkun jista’ jittrasferixxi ruħu għal xi pajjiż ieħor.

Ovvjament il-politikanti tal-Lemin Estrem kienu u huma kontra kull qsim ta’ responsabbiltà għax iħarsu biss lejn żokrithom u ma jemmnux fis-solidarjetà bejn l-Istati. Konvint li f’Malta u Għawdex hemm numru kbir ta’ persuni rashom fuq għonqhom u tal-affari tagħhom li filwaqt li jixtiequ li pajjiżna jkun megħjun aktar b’mod konkret, m’għandhom l-ebda mibegħda fihom u jifhmu li din l-isfida tad-dinja moderna nistgħu niffaċċawha b’mod kalm, determinat iżda mingħajr ħafna allarm u paniku żejjed u bla bżonn li ma jwassal għal imkien u ma jsolvi xejn.

Ralph Cassar hu Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi ta’ Alternattiva Demokratika

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s


%d bloggers like this: