L-ilma li jiswa d-deheb

Ralph Cassar
Kelliem dwar l-enerġija, l-industrija u t-trasport
Alternattiva Demokratika- The Green Party

Ma nistenniex li dak li se nikteb se jċaqlaq xi ħaġa. Jiġri x’jiġri f’dan il-pajjiż kollox jibqa’ għaddej qiesu xejn m’hu xejn. Trid tibni fil-Wied tal-Baħrija? Ma jimpurtax, min jikkritikak oħroġ għalih u kissru. L-iskont fenominali ta’ 3.3 miljuni ta’ Ewro li ngħataw il-MIDI li żvelat Maltatoday biex jarmu t-terrapien il-baħar ħoloq xi skandlu u xi protesti kbar? Prattikament kulħadd jevita li jsemmi l-każ. Lanqas Joseph Muscat u l-PL qatt ma smajthom ilissnu kritika fuq hekk.

Għal dawk il-ftit li jimpurthom huwa ovvju li fi żmien ħmistax-il sena jekk mhux anqas se niġu niddependu għal kollox għall-ilma għax-xorb fuq is-sistema tar-reverse osmosis. Diġa nġibu madwar 40% mill-ilma għax-xorb mill-ilma baħar – bi spiża enormi għall-pajjiż. Dan l-ilma jitħallat ma’ l-ilma tal-pjan. L-ilma tal-pjan huwa riżors naturali prezzjuz. Il-problema li qed jitella’ ilma tal-pjan bl-addoċċ, b’mod irregolari. Dak li huwa wirt ta’ kulħadd qed jinsteraq – bil-Gvern jagħlaq għajnejh it-tnejn. Aktar ma jonqos l-ilma tal-pjan aktar jkollu jogħla l-prezz tal-ilma – għandna nistennew kontijiet doppji jekk mhux erba’ darbiet aktar hekk kif insiru niddependu iżjed u iżjed fuq l-ilma li jiswa d-deheb – mir-reverse osmosis.

Fost dawk li qed jagħmlu kemxa flus sew billi jieħdu mill-ilma li huwa tagħna ilkoll hemm fabbrika tas-soft drinks u l-ilma tal-flixkun. Biex tgħaxxaqha din il-kumpanija rebħet premju talli tieħu ħsieb l-ambjent. Is-serq ta’ riżors naturali mingħajr il-ħlas ta’ ċenteżmu ġie ppremjat. Sadanittant aħna lkoll, ġustament, inħallsu ta’ l-ilma li nikkunsmaw. Sandanittant il-Prim Ministru Gonzi jżur il-kumpanija u jitbissem għall-kameras.

La l-PN u wisq nibża li lanqas il-PL m’huma se jitlewmu ma’ din il-kumpanija. Huwa politikament perikoluż għalihom li jeħduha ma’ min huwa b’saħħtu. Ma tridx wisq biex jheddu li se jkeċċu ‘l-ħaddiema jekk tittieħed azzjoni.

Sadanittant is-serq tar-riżorsi naturali ta’ pajjiżna ikompli. AD la qatt iddejqet u mhux se tiddejjaq titkellem. Ħaddieħor jaf li dan is-suġġett ma tantx jiġbed voti. Jaf li ikunu qed jipperikolaw sorsi importanti ta’ finanzjament jekk jiftħu ħalqhom biex jitolbu lill-kumpaniji kbar josservaw il-liġi. Dan pajjiż fejn m’hemm l-ebda kontroll u trasparenza fil-finanzjament tal-partiti – lanqas liġi m’għandna – ma jridux idardru l-għajn li jixorbu minnha. Bid-difiża tar-riżorsi naturali tagħna jafu li m’hu se jieħdu xejn. Sadanittant Gonzi jkompli jitbissem. Pullicino jkompli jikxef l-irħamiet. Il-PL u l-PN jibqgħu jibbattibekkaw fuq il-passat. U l-ilma tal-pjan ikompli jinxef.

ralph.cassar@alternattiva.org.mt

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s


%d bloggers like this: