Hemm lista sħiħa ta’ impatti pożittivi li ħalliet l-Alternattiva Demokratika kemm fuq livell lokali, kemm nazzjonali, kif ukoll internazzjonali. Konvint li dawn il-mumenti jibqgħu, sakemm jibqa’ nies li lesti, minkejja d-diffikultajiet u l-intoppi, jitkellmu, jaħdmu u jistinkaw kontra l-kurrent għall-ideali tagħhom. Xi ħaġa li ma tantx tisma’ biha dan iż-żmien fejn bosta nies lanqas jafu xi tfisser li taħdem b’xejn u mingħajr ħlas.
Li hemm bżonn u li għadu ma ġarax hija żvolta lejn pluraliżmu veru bħala parti intrinsika u essenzjali tas-sistema demokratika ta’ pajjiżna. Ovvjament kemm il-Partit Nazzjonalista, kif ukoll il-Partit Laburista jinteressahom li jħallu l-affarijiet kif inhuma. Li niskanta huwa b’ċerti nies li ma jindunawx kemm il-vot tagħhom jista’ jħalli effett. Nieħu eżempju b’nies minn Tas-Sliema li bir-raġun jitkellmu u jiktbu fuq kif żdied it-tniġġis u t-traffiku, u kif Tas-Sliema nqerdet u qiegħda tinqered bi żvilupp bla rażan. Ngħidha b’wiċċi minn quddiem, jekk dawn l-istess nies ivvotaw u jivvotaw għall-politiċi minn partit li fil-gvern approva skemi u pjani li ppermettew dan kollu allura nażżarda ngħid għandhom parti kbira mit-tort għal dak li ġara u qed jiġri.
B’wiċċi minn quddiem ngħid ukoll li kienet u għadha l-AD biss li tkellmet bla kantunieri kontra l-mod kif inbidlu l-pjani lokali u kif ġew estiżi ż-żoni ta’ żvilupp. Il-Partit Laburista kien żamm kwiet rigward din il-kwistjoni. Anzi kien hemm Membri Parlamentari Laburisti li talbu li biċċiet ta’ art ’l hemm u ’l hawn jiżdiedu maż-żoni ta’ żvilupp.
Post ieħor fejn qed jiġri sfreġju sħiħ minn meta l-Gvern biddel il-pjani lokali u wessa’ ż-żoni ta’ żvilupp huwa Ħ’Attard. Postijiet oħrajn li jiġu f’moħħi huma s-Swieqi u l-Iklin. Dan l-aħħar kellna ittra ffirmata minn kandidati Nazzjonalisti jilmentaw dwar bini fil-Madliena. Il-mistoqsija toħroġ waħedha. Min hemm fil-Gvern? Tort ta’ min qed jiġri dan kollu? Dawn in-nies qegħdin jappoġġjaw partit li wassal għall-isfreġju li qegħdin jilmentaw fuqu. Vera d-dinja ta’ taħt fuq.
Ġrajja li ġrat dan l-aħħar u li tibqa’ tikkonfermali kemm għandna bżonn ideat differenti biex ikun hemm diskussjoni ħajja u vera, huwa l-każ tat-tonn.
Fil-Parlament Ewropew kemm id-Deputati Laburisti, kif ukoll dawk Nazzjonalisti vvotaw, f’minoranza, l-istess – biex jiddefendu l-multinazzjonali tat-tonn għas-skapitu tagħna lkoll. Iddeċidew li jiddefendu lis-sinjuruni – xejn ġdid. Li jrid jifhem kulħadd hu li fejn għandek it-teħid ta’ riżors naturali – f’dan il-każ tat-tonn – bilfors li fl-aħħar mill-aħħar irid ikun hemm kontrolli stretti, għax tieħu tieħu, fl-aħħar tispiċċa b’xejn. F’dan il-każ, bejn Simon Busuttil u John Attard Montalto m’hemmx x’tagħżel. L-ambjentaliżmu ta’ Busuttil kien, għadu u jibqa’ duħħan.
info@alternattiva.org.mt