Archive for June 1st, 2010

Il-PL u l-PN: ipokrezija dwar id-divorzju

June 1, 2010

Ralph Cassar – Segretarju Ġenerali AD

Bħalissa qed jerġa’ jqum dibattitu dwar id-divorzju fid-dawl tad-diskussjoni f’Kumitat Parlamentari li qed jiddiskuti l-koabitazzjoni. Nies li jappoġġjaw lill-PN qed jindunaw li appoġġjaw partit li fl-għeruq tiegħu huwa konservattiv għall-aħħar. Il-PL għandu partitarji li huma wkoll lanqas jafu x’jiġifieri tkun progressiv. Dan juri li ħafna nies lanqas jafu għaliex jivvutaw għall-PL u l-PN: l-uniku raġunijiet x’aktarx huma l-istinti tribali u l-preġudizzji politiċi tagħhom.

Mid-diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari dwar il-koabitazzjoni hu ċar daqs il-kristall li l-Membri Parlamentari tal-Gvern iridu jogħġbu kemm lill-votanti konservattivi tagħhom u fl-istess nifs jippruvaw jogħġbu wkoll lil dawk li għal xi raġuni għalkemm jivvutaw lill-Partit Konservattiv huma daqsxejn aktar liberali. Min-naħa l-oħra Deputati Laburisti, uħud minnhom għalkemm suppost progressivi, huma fil-fatt konservattivi wkoll fejn jidħol id-divorzju.

L-Istat għandu jittratta liċ-ċittadini tiegħu ta’ adulti li kapaċi jieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja personali tagħhom. Hi ipokrezija li tiddiskuti l-koabitazzjoni meta fil-fatt dawk li jikkoabitaw huma sfurzati mill-Gvern stess jagħmlu hekk. Hawn eluf ta’ ċittadini li mhux qed jingħataw ċans jirregolarizzaw ħajjithom quddiem il-Liġi.

Minkejja r-retorika tal-Gvern fuq il-valuri, il-Gvern u l-Prim Ministru abdika r-responsabbiltà tat-tħejjija għaż-żwieġ f’idejn il-Knisja, jiġifieri min ma jridx żwieġ fil-Knisja m’għandux possibbiltà ta’ tħejjija għaż-żwieġ. Il-PL ukoll qed jagħti messaggi kontradittorji billi l-Mexxej Laburista iddikjara ruħu favur id-divorzju iżda numru ta’ Membri Parlamentari jitkellmu b’mod ċar kontra.

Il-pożizzjoni politika tal-PL hi li l-Membri Parlamentari tiegħu jkollhom vot ħieles li jfisser li l-PL hu fl-istess ħin favur u kontra d-divorzju biex b’hekk jipprova jingħoġob ma’ kulħadd. Il-PL mhux kapaċi jieħu pożizzjoni bħala partit dwar is-suggett — ir-realtà hi li anke bil-PL waħdu fil-Gvern fil-fatt ma jinbidel xejn.

Xi snin ilu konna nużaw is-slogan MLPN – slogan li jitkellem waħdu. F’Parlament fejn żewġ partiti jridu jogħġbu lil kulħadd fl-istess nifs dan is-slogan qed jerġa’ jieħu sinifikat kbir. Alternattiva Demokratika –The Green Party — dejjem kienet ċara: persuni adulti għandu jkollhom il-possibbiltà li jirregolarizzaw ħajjithom bħalma għandhom din l-istess possibbiltà nies Maltin li d-divorzju tagħhom hu rikonoxxut minn qrati u l-Istat Malti sempliċiment għax ġabu dan id-divorzju minn barra. Il-PN u l-PL qed jittrattaw sezzjoni ta’ ċittadini bħala ċittadini tat-tieni klassi.