Archive for September 8th, 2010

Majnata

September 8, 2010

Ralph Cassar

Kulmin ikellmek l-istess ħaġa. Inkwiet fuq l-għoli tal-konti­jiet tal-elettriku. Il-kliem sabiħ dwar il-familja malajr intesa. Meta tfaqqa’ żieda fil-kontijiet ta’ dan il-kobor huwa ovvju li se tagħti maj­nata lill-familji normali. Qed ngħid li l-elettriku għandu jibqa’ dejjem l-istess prezz? Jew li tuża kemm tuża qisu xejn mhu xejn? Xejn minn dan. Ir-realtà iżda hija waħda: qegħdin fejn qegħdin min­ħabba s-sistema politika ta’ pajjiżna. Minħabba l-mod kif jivvotaw in-nies.

Tgħidli dan x’għandu x’jaq­sam mal-elettriku? Meta l-parti l-kbira tan-nies mehdijin iħarsu lejn il-politika bħala xi ġlieda bejn żewġ tribujiet, meta l-aktar ħaġa importanti hija li t-tribu tiegħek iġib vot aktar mit-tribu l-ieħor, meta l-wegħdi u t-tqassim tal-‘fridges’, it-televiżjonijiet u l-magni tal-ħasil u xi xogħol bħala pjaċir huma aċċettati, il-politika vera tintesa.

X’inhi mela l-politika vera? L-ewwel nett f’demokrazija żviluppata Ewropea tfisser pluraliżmu ta’ ideat. Tfisser ukoll politika bbażata fuq l-ideat, il-proposti, id-diskuss­joni u d-dibattitu.

Il-każ tal-għoli fil-prezz tal-elettriku, żieda ta’ 30% mil-lejl għan-nhar huwa sinto­matiku tal-mod ħażin kif taħdem is-sistema politika f’pajjiżna. Iż-żieda massiċċa turi nuq­qas ta’ ppjanar fit-tul.

Għax l-importanti għal ħafna minna huwa li niskurjaw punt fuq l-avversarju etern tagħna u mhux nidħlu fid-dettall ta’ ppjanar serju.

Ippjanar fit-tul fl-elettriku kieku kien ifisser li l-prezz tal-elettriku jogħla kemm għan­du bżonn jogħla fuq medda ta’ snin. Kieku kien jinkludi studju li jitfa’ l-piż akbar tal-prezz fuq min jiflaħ u fuq min jaħli bl-addoċċ. Kieku kien hemm ippjanar fit-tul kieku diġà ilna snin ingawdu minn porzjon ris­pettabbli tal-elettriku tagħna minn sorsi nodfa bħar-riħ u x-xemx. Kieku l-wegħdi nżammu kieku l-power station tal-Marsa diġà ilha 15-il sena magħluqa. Każ ċar fejn wegħda kienet biss fantasija ta’ qabel l-elezzjoni, biex xi mazzun jiblagħha. Ċar daqs il-kristall li ma kinitx ibbażata fuq xi pjan dettaljat.

Ovvjament imbagħad is-sistema ta’ tribujiet politiċi li ħafna minna tant inħobbu taffettwa l-mod kif tmexxiet u titmexxa l-Enemalta. Hemm bżonn riforma fit-tmexxija tal-Enemalta, li hija mxekkla minn indħil poli­tiku. Il-Gvern qiegħed hemm biex jistabbilixxi l-politika tal-korporazzjoni mhux biex juża l-korporazzjoni bħala post fejn jaqdi u jippremja lil dawk li qdew u jaqdu lill-PN.

Seta’ kien hemm il-Labour fil-Gvern, għax il-problema hija endemika.

Il-politika tnawret u n-nies tippretendi l-pjaċiri. Il-bidla sseħħ biss bil-plura­liżmu. Minn dak il-punt ’il quddiem tista’ tibda riforma sħiħa fuq tul ta’ żmien. Jista’ jsir ippjanar serju u fit-tul f’bosta oqsma u fl-aħħar nirregolaw il-finanzjament tal-partiti – il-kankru li qed iżżom­mna ostaġġi tal-ftit. Dan ma jseħħx mingħajr bidla fil-mentalità u qabel ma int taqta’ l-ktajjen mill-mażżra tal-passat u tat-tribù tiegħek.