Biex Lawrence Gonzi jerġa jirxoxta motto li kien ilu ma jintuża minn żmien żemżem ma nafx. Avolja simbolu ta’ passat li suppost intesa, u hekk għandu jkun, fl-istess ħin taqra ittri fil-gazzetti jinċensaw lill-Prim Ministru u ‘Religio et Patria’ li ‘dejjem spiraw lill-PN’. Inkredibbli.
Il-Prim Ministru forsi ma jafx li avolja ħafna nies ma semgħux b’dal-motto, issa li reġa irxuxtah ħafna jindunaw li huwa assoċjat mal-‘patria’ faxxista ta’ Mussolini, u politika elitista ta’ knisja trijonfali li tikkmanda u tindaħal f’kull aspett tal-ħajja tal-pajjiż. Żgur mhux il-knisja ta’ San Franġisk. Dawk li jridu jinnegaw id-DNA tal-PN (il-frażi ‘DNA’ qed nużaha għax xebgħu jsemmuha fil-laqgħa ġenerali) ma nafx kif ma jindunawx bl-attitudni ‘aħna l-aħjar għax Alla magħna’. Mhux vera li l-PN kien differenti. Mhux vera li taħt Fenech Adami kien aktar inklussiv. L-ewwelnett skont xi tfisser b’inklussiv. Li jkollok fundamentalisti u liberali f’partit wieħed, jew anki nies neoliberali (is-suq isuq) u oħrajn aktar progressivi soċjalment, imma b’politika li tmexxi l-interessi ta’ min jiflaħ iħawwel ifisser jew li min huwa aktar ‘miftuħ’ deluż u jaħseb li se jagħmel differenza, jew inkella rikeb il-karru u jinteressah il-karriera u xejn aktar. Dekorazzjoni fuq siġra tal-Milied biex jiġbed il-voti ta’ l-imzazen (li minnhom hawn ħafna). Il-ġlieda kontra t-totalitarjaniżmu Laburista tat-tmeninijiet bilfors li ġabar firxa mdaqqsa ta’ nies b’attitudnijiet u ideoloġiji differenti taħt il-kappa tal-PN. Qatt ma ġew diskussi affarijiet li jistgħu jaqsmu u jiddistingwu bejn wieħed u ieħor. Il-partit kien u għadu konservattiv, l-oħrajn ‘ħassewhom komdi’ għax is-suġġetti kontroversjali ġew evitati kompletament. Ifhem biex l-eżekuttiv tal-PN jiddiskuti d-divorzju fl-2010, vera trid tkun għadek lura.
Anke dwar l-imigrazzjoni, l-pożizzjoni tal-Labour populista għall-aħħar. Biex taqbel ma’ Maroni, ma nafx jien. Anke l-PN, jgħidu x’jgħidu xejn differenti. Prova semmi s-suġġett u l-paniku li jqum inkredibbli. Biżżejjed tara fuq Facebook fi grupp ta’ ‘Nazzjonalisti u liberali’ (sic) u tara ftit it-tip ta’ diskussjoni patetika u tibali u l-persuni estremisti li qed jippromwovu l-grupp.
It-tattiċi tal-PN maħmuġa. Biżżejjed wieħed isemmi li Simon Busuttil, iva smajtu sew Simon Busuttil, li mexxa l-kampanja tal-PN għall-elezzjonijiet Ewropej, mexxa kampanja bażata fuq il-biża, l-paniku u r-razziżmu. Forsi ftit tiftakruh ir-riklam tal-PN b’mużika drammatika u filmat editjat juri dagħjsa wara dagħjsa ta’ immigranti – ovvjament intiż biex joħloq paniku. Imma peress li Busuttil m’għandux żejt f’wiċċu ‘anything goes’. M’hemmx differenza bejniethom – għal 700 vot differenza kollox jagħmlu. Anke jsejħu ruħhom liberali (għax ‘fetħu s-suq’!). Jekk il-PN liberali, Maħatma Gandi kien żeffien tas-salsa.
Marda oħra, anke fuq gruppi ta’ nies suppost miftuħin għal ideat ġodda hija li jekk tikkritika lil xi ħadd, f’dal-każ ‘il-PN ir-risposta pront tkun, ‘għax il-PL…’. Bħallikieku l-unika kejl hija li tqabbel l-PL u l-PN. Bħallikieku li jekk ma tappoġġjax lill-PN mela awtomatikament ‘laburist’. Jew inkella jekk tivvota lil xi ħaddieħor qed tissogra li tiġri xi apokalissi, katakliżma, terremot u katastrofu – dat-tip ta’ argument jitqajjem ħafna qabel kull elezzjoni. Fil-fatt x’aktarx qabel l-elezzjoni li ġejja l-PN se jgħid ‘vot għall-AD, vot għal-Labour’ (il-messaġġ – ‘aħna medjokri, imma vvutalna xorta… u bilħaqq tivvotx għall-bidla għax nispiċċaw fid-dlamijiet’). Il-PL se jgħid l-istess ‘vota għall-AD vot għall-PN’ (il-messaġġ – ‘issa jmiss lilna u ara ma jazzarda ħadd itellfilna dak li huwa tagħna bi dritt, aħna s-salvaturi ta’ Malta). Min irid bidla vera fl-attitudni tal-partiti l-oħra frankament jiġi jaqa’ u jqum, u jivvota kif għandu jivvota. Kull vot fih messaġġ. Il-mira għandha tkun li nkissru d-duopolju fil-parlament iżda anke ‘good showing’ tkun messaġġ ċar ħafna għall-bidla. Il-vot moħli huwa l-vot għall-istatus quo għax huwa vot li ma jbiddel u jfisser assolutament xejn. Jipperpetwa l-mentalita tribali f’Malta.
Jekk int imwerwer mil-Labour u tibla’ l-argumenti tal-katakliżmi mingħajr ma tinduna li int pupazz fuq spaga u li l-PN u l-PL fil-verita ma tantx hemm xi differenza fl-attitudni politika tagħhom mela m’hemmx x’targumenta – ibqa’ ivvota l-istess. Imma mbagħad tiġix teqred u tgerger. Fil-każ ingħaqad man-‘Nazzjonalisti u liberali’, oqgħod ibbattibekkja mal-Labour fuq min mit-tribujiet għandu l-isbaħ totem u bħal Deidun, Engerer, Gouder u karriristi oħra, servi ta’ forċina għall-istatus quo, għal Gonzi u għar-Religio et Patria.
“…jekk il-PN liberali, Mahatma Gandi żeffien tas-salsa”
Leave a Reply