Archive for November 8th, 2011

It-task force ta’ Gonzi!!

November 8, 2011

Meta tasal s’hawn, tkun vera wasalt fil-qiegħ… minn gimmick għall-oħra… imma allura possibbli m’hemmx Ministri kapaċi jwasslu proġett sat-tmiem? Bħal tal-MEPA din… jew nibku jew nidħqu!:

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20111108/local/prime-minister.392883

… u sadanittant fl-aħbarijiet jgħidulna li t-task force li vvinta Gonzi jinkludi lill-kmandant tal-armata!!! Iva, smajtu sew. Fakkruni fit-tmeninijiet… task force u l-involviment tal-armata fit-trasport pubbliku.

Ma jifmhux ‘akka’

November 8, 2011

Għadni kemm qrajt rapport f’The Times tal-lum (7/11/2011: http://www.timesofmalta.com/articles/view/20111107/local/Hunters-shoot-down-woodland-regulations.392609) dwar stqarrija tal-Federazzjoni tal-Kaċċaturi li fiha jilmentaw dwar abbozz ta’ regolamenti dwar is-siġar (Trees and Woodlands Protection Regulations). Dan l-abbozz jitkellem dwar il-bżonn li jiġu kontrollati u mibdula siġar invażivi bħall-ewkaliptus u l-akaċja.

Ħaġa tal-iskantament ir-rappreżentanti tal-kaċċaturi jiftaħru li kien huma li infestaw kull m’hemm b’dawn l-ispeċi – għas-spejjeż ta’ siġar indiġeni u mediterranji u biex ikomplu jżidu l-melħ fuq il-ferita jgħidu (kif kwotati minn The Times): “This environmental miracle did not happen overnight” u kif l-kampanja hija aktar ħadra ‘grazzi’ għalihom. Skużawni imma l-uniku raġuni għaliex tħawwlu l-akaċja u l-ewkaliptus huwa għall-egoiżmu tagħhom – għax jikbru malajr ħafna u jimlew kull m’hemm – jew inkella, m’hemmx kelma oħra, għax totalment injoranti f’xi tfisser verament konservazzjoni.

Dal-gvern għandu parti kbira mit-tort ukoll – l-mixtla ta’ Wied Inċita li kienet tipprova tkabbar siġar indiġeni għal programmi pubbliċi ta’ afforestazzjoni spiċċat mixtla prattikament privata, timporta x-xitel bl-addoċċ, l-aqwa li trendi lill-kumoaniji privati li jmexxuha.

Eżempji ta’ proġetti u għaqdiet li jkabbru u jħawwlu siġar indiġeni, wħud minnhom rari, għandna lill-Gaia Foundation ta’ Għajn Tuffieħa li jieħdu l-intrigu jkabbru siġar u xtieli indiġeni miż-żerriegħa. Il-proġett ta’ Wied Għollieqa tan-Nature Trust eżempju ieħor. Birdlife ukoll jinvestu f’siġar u xtieli indiġeni fil-proġetti tagħhom. Dawn huma nies li jafu verament xi jfissru ‘environmental miracles’.

Alla jeħlisna mill-FKNK tinfluwenza r-regoli ġodda dwar is-siġar. Min ikkontribwixxa għal ħsara kbira fil-kampanja jew għax ma jifhimx jew għax ma jarax aktar bogħod mill-ponta ta’ mnieħru m’għandux jingħata ċans jirrovina r-regolamenti ġodda dwar l-ambjent naturali.