Archive for December, 2011

It-toroq – mhux għall-karozzi biss

December 28, 2011

Ralph Cassar, Kunsillier

Naħseb kulħadd jaqbel dwar aktar sigurta fit-toroq. Sfortunatament ilu li għadda ż-żmien fejn it-toroq residenzjali tagħna inqisuhom bħala spazji pubbliċi għall-użu ta’ kulħadd – tfal u anke kbar jilgħabu barra, tfal iduru bir-roti waqt li l-ġenituri jimxu xi mixja fil-viċinanzi. Irrelegajna n-nies għal fuq il-bankini – li minħabba l-mod kif saru l-pjanijiet tal-bini fil-lokalitajiet tagħna bilkemm huma wiesgħa biżżejjed biex tgħaddi persuna. Biex tgħaxxaqha bil-bidla fiż-żoni ta’ żvilupp deċiżi mill-gvern fl-2006 spiċċajna bil-bini jitwaqqa’ kullimkien bit-tħarbit li dan iġib fit-toroq tagħna. Dan f’pajjiż bi 80,000 post battal.

Jekk tħarsu lejn it-triq tagħkom araw daqxejn kemm minnha hija għall-użu tal-karozzi u kemm għall-użu tan-nies. Hemm bżonn li t-toroq residenzjali jingħataw luru lin-nies – mhux biss b’bankini aħjar iżda ukoll b’bidla fil-mentalita fejn is-sewwieqa li jgħaddu minn dawn it-toroq residenzjali jidraw jaqsmu l-ispazju man-nies , mat-tfal u żgħażagħ li għandhom id-dritt jużaw l-ispazju tat-toroq bħal ħaddieħor. Dan il-kunċett jfisser li kif il-vetturi joħorġu mit-toroq prinċipali u jidħlu f’toroq purament residenzjali, iġifieri toroq li m’hemmx għalfejn tgħaddi minnhom biex tmur minn post għal ieħor, għandhom isuqu bil-mod. Bil-mod il-mod in-nies jibdew jidraw u jħossuhom komdi jerġgħu jużaw it-toroq, li huma tagħna lkoll biex jimxu, jużaw ir-rota jew sempliċiment jissoċjalizzaw.

Hemm diversi strateġiji li jistgħu jintużaw, fosthom il-proposta tiegħi li ġiet aċċettata mill-Kunsill Lokali unanimament li toroq residenzjali ikollhom limitu ta’ veloċita wieħed (minflok ħafna tabelli b’veloċitajiet differenti) ta’ 30 km fis-siegħa. Nispera li Transport Malta tiddeċiedi li tagħti l-kunsens tagħha u tgħin fl-implimentazzjoni ta’ din il-politika dwar iż-żoni residenzjali. Ovvjament hemm bżonn ukoll kampanja edukattiva. Fl-aħħar bdew isiru mill-ġdid xi bankini wara li d-deficit fil-finanzi tal-Kunsill inqatgħa – kellna inbatu minħabba t-traskuraġni ta’ xi wħud. Hemm bżonn ħafna aktar xogħol. Toroq dritti u wesgħin bħal Victor Vassallo, Tursin ir-Riħ u parti minn Triq il-Linja(u ħafna oħrajn) saru perikoluzi wisq u hemm bżonn strateġiji li jġiegħlu lis-sewwieqa jnaqqsu l-veloċita. Ħaġa pożittiva li nħossni kburi li kont xprun biex issir huma s-sistemi li jagħmlu z-zebra crossings aktar viżibbli permezz ta’ sinjali li jixgħelu b’sistemi moderni solari. Suppost dalwaqt jitwaħħlu ukoll bicycle racks f’diversi postijiet madwar Ħ’Attard. L-affarijiet xi kultant jieħdu ħafna żmien biex isiru avolja ikunu ilhom ordnati żmien twil.

Min jixtieq jikkuntattjani jista’ jagħmel dan faċilment permezz tal-email fuq cassarralph@gmail.com, fuq il-blog http://www.ralphcassar.wordpress.com jew fuq 99894962. Fl-aħħarnett nixtieqilkom il-festi t-tajba u s-sena l-ġdida mimlija risq u hena.

Addicted to dirty energy

December 4, 2011