Rapport tiegħi dwar it-titjib li hemm bżonn isir fil-librerija pubblika ta’ Ħ’Attard. Ix-xogħol tiegħi fil-komunita ikompli – il-politika vera mhix l-adorazzjoni tal-mexxejja jew t-tgħajjir u l-paroli vojt fil-każini iżda li tipproponi u timbotta biex titjieb l-kwalita tal-ħajja tagħna lkoll.
Rapport lill-Kunsill Lokali Ħ’Attard dwar iż-żjara fil-librerija pubblika ta’ Ħ’Attard
Ralph Cassar
Iż-żjara saret it-tnejn, 9 ta’ Jannar 2012 bejn il-1700h u s-1830h.
Preżenti għaż-żjara: Ralph Cassar (Kunsillier), Alfred Zammit (Kunsillier), Laurence Zerafa (Chairperson, Malta Library and Information Association), Robert Mizzi (Deputy Chairperson, MaLIA u Chairperson Malta Libraries Council), il-librara.
Dan ir-rapport jinkludi xi osservazzjonijiet li saru waqt iż-żjara u osservazzjonijiet oħra tiegħi. L-opinjonijiet espressi f’dan ir-rapport huma totalment responsabbilta tiegħi u mhux neċessarjament jirriflettu l-opinjonijiet tal-persuni l-oħra preżenti.
Ta min jgħid li għalkemm jista’ jsir xi titjib fil-librerija xorta waħda l-ispazju li tokkupa l-librerija żgħir wisq, iffullat u ma jagħtix lok għall-iżvilupp tal-librerija fi spazju modern, addatat u attraenti u minn fejn jistgħu jingħataw servizzi ġodda bħal per eżempju mwejjed fejn wieħed jista’ jaqra, jieħu noti u jagħmel riċerka u servizz ta’ kompjuters bl-internet. Lanqas post fejn tiċċaqlaq m’hemm. Oriġinaljament il-librerija kienet ħafna akbar – żewġ klassijiet tal-iskola magħqudin. Wara li l-iskola biddlet il-librerija oriġinali f’uffiċċji jew klassijiet, flok kibret, il-librerija imxiet għal kamra żgħira fuq wara tas-sala tal-iskola li milli jidher kienet intiża għal xi ‘changing room’ jew gabuba żgħira għall-props. Minflok instabet soluzzjoni għall-bżonnijiet tal-iskola saret l-aktar ħaġa faċli għas-skaptu tal-komunita kollha u ‘tkissret’ il-librerija pubblika. Il-librerija qatt ma tista’ toffri servizz aħjar u tespandi s-servizzi tagħha jekk tibqa’ fejn hi.
Il-librara ipprovdiet dawn il-figuri ta’ kotba li ssellfu mil-librerija:
2006 |
12,862 |
2007 |
12,067 |
2008 |
11,868 |
2009 |
12,341 |
2010 |
10,884 |
2011 |
13,297 |
Il-figuri juru li s-servizz tal-librerija huwa servizz utili għal numru imdaqqas ta’ nies u kull investiment f’dan is-servizz żgur li huma flus minfuqa tajjeb għall-ġid tal-komunita lokali.
Dawn huma xi osservazzjonijiet li saru:
- Persuni li tkellimt magħhom ikkummentawli fuq l-għajnuna li jsibu mil-librara li tagħmel li tista’ biex taqdi lill-qarrejja u biex tordna kotba li jintalbulha.
- Sigurta: l-bieb ta’ barra, li qiegħed fuq il-ħġieġ, u t-twieqi għandhom jew jinbidlu jew isiru aktar siguri peress li minkejja l-grada ta’ barra, mhux magħmulin minn materjal b’saħħtu biżżejjed. Il-passaġġ mill-grada ta’ barra jista’ jissebbaħ b’xi qsari u s-sinjali barra l-grada bil-ħinijiet jista’ jsir b’mod aktar professjonali.
- Faċilita għat-tifi tan-nar – għandu jkun hemm ‘fire extinguisher’.
- Il-magna tal-fotokopji waslet biex tinbidel.
- Hemm bżonn jinżebgħa parti mill-ħajt li għandu marki tas-sadid fuqu, isir bdil ta’ xi bozzoz u isiru purtieri ġodda u mwaħħla sew. Għandhom ukoll isiru xi nkwatri jew posters moderni biex jagħtu atmosfera li tilqgħek.
- Malli tidħol fil-librerija mal-ewwel jolqtok in-nuqqas kbir ta’ spazju. Fil-fatt bil-kontra ta’ dak li wieħed jippretendi m’hemmx spazju għall-ixkaffar, bl-ixkaffef viċin ħafna ta’ xulxin. M’hemmx spazju għall-ebda post fejn persuni jistgħu jaqraw fil-librerija stess jew jużaw l-internet. In-nuqqas ta’ spazju huwa ukoll ovvju mill-fatt li t-toilet qed jintuża bħala store. Fuq il-parti ta’ fuq tal-ixkaffi qed jinżammu kotba f’kaxxex tal-kartun li għad iridu jintgħażlu. Temporanjament dawn il-kaxxi għandhom jinħażnu post ieħor.
- Hemm problema bir-reġistrar u l-ikkalatogar tal-kotba, li jsir ċentralment fil-librerija ċentrali. Hemm bżonn pressjoni biex il-proċess ta’ katalogar u reġistrazzjoni jitħaffef. Hemm bżonn li dan jibqa’ jsir ċentralment. Għandha tkun esplorata l-possibilta li, taħt id-direzzjoni tal-librara, voluntiera u wkoll l-istaff tal-Kunsill jgħinu fl-għażla tal-kotba li jkunu ingħataw bħala donazzjoni. Wħud minnhom mhux tajba għal-librerija, eżempju ħafna textbooks l-istess jew enċiklopediji qodma b’informazzjoni skaduta. Minn jagħmel donazzjoni ta’ kotba għandu jiġi infurmat li l-kotba donati mhux neċessarjament se jsibu ruħhom fuq l-ixkaffef tal-librerija u jekk ikunx iridhom lura f’każ li ma jintgħażlux.
- Ġie innotat li fil-librerija m’hemmx il-publikazzjonijiet dwar Ħ’Attard maħruġa mill-Kunsill Lokali jew pubblikaturi oħra. Qed jiġi ssuġġerit li l-enċiklopedija bil-Malti (Kullana Kulturali) u kotba oħra li jinsabu fl-uffiċċju tal-Kunsill jiġu trasferiti għal-librerija. Hemm talba għal dawn it-tip ta’ kotba ta’ referenza ‘Melitensia’.
- Forsi wasal iż-żmien li jinstab post terran/semi-basement (basta arjuż, mhux umdu u mdawwal biżżejjed u aċċessibli għal nies bi bżonnijiet speċjali) fejn tista’ tiġi trasferita l-librerija li tkun tista’ tinkludi ukoll kmamar fejn ikunu jistgħu jsiru attivitajiet kulturali oħra marbuta mal-librerija. Appartement fil-pjan terran jew semi-basement għandu jkun affordabbli. Il-progett ta’ bini ġdid għall-Kunsill Lokali li kien jinkludi librerija ma jidhirx li huwa possibbli minħabba nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju mill-gvern ċentrali. Spiża ta’ €500,000 mhux possibbli mingħajr għajnuna għax affarijiet oħra jkollhom ibatu. Il-proġett ta’ uffiċċju tal-Kunsill għandu jkun separat minn dak ta’ librerija aktar spazjuża u moderna. Ix-xiri jew kiri ta’ appartement terran żgur li aktar vijabbli.
- Kotba ‘paperback’ misselfa ħafna huma fi stat ħażin. Dawn għandhom jinbidlu. L-aktar kotba popolari għandhom jinksew bil-plastik/contact paper trasparenti biex iservu aktar.
- Il-librerija minkejja limitazzjonijiet kbar qed tintuża b’mod regolari u konsistenti, li turi li s-servizz huwa utli għal numru imdaqqas ta’ nies. Il-kotba tat-tfal, fiction bl-ingliż u kotba bil-Malti huwa l-aktar popolari. Il-budget mogħti mill-gvern huwa suplimentat mill-Kunsill, b’xi €1000 jintefqu f’kotba ġodda. Kull żieda fl-infieq fuq kotba żgur li huma flus minfuqa tajjeb. L-użu tal-librerija preżentament jimmilita favur investiment f’librerija ġdida li toffri spazju għal spazji għall-qari ta’ gazzetti, rivisti u l-użu tal-internet. Joffri spazju soċjali u kulturali fejn jistgħu jiltaqgħu n-nies, isiru taħdidiet u attivitajiet bħal ‘reading circles’ għat-tfal u attivitajiet letterarji għall-adulti.
- Dan l-aħħar punt hija osservazzjoni personali tiegħi. L-isem tal-librerija ‘Ugo Mifsud Bonnici’ jistona u jfakkar fi żminijiet meta ministri kienu jsemmu xi padiljun sportiv għalihom waqt li kienu għadhom ħajjin jew fl-Unjoni Sovjetika jew il-Korea ta’ Fuq. Nifhem li din d-deċiżjoni ttieħdet minn Kunsill ta’ qabel l-2007 – xorta waħda min ħa din id-deċiżjoni għandu mentalita fqira. Il-librerija għadha sempliċiment tkun magħrufa bħala “Librerija Pubblika Ħ’Attard”.
Il-punti li għamilt jistgħu jinqasmu fi tnejn:
- Xi titjib li jista’ jsir fis-sitwazzjoni preżenti;
- X’għandu jsir jekk irridu ntejbu u nipprofessjonalizzaw das-servizz.
Raħal, jew aħjar belt żgħira bħal Ħ’Attard jixraqlu librerija li tkun ukoll punt ta’ inkontru, jew ‘klabb’ b’differenza, jew Community Centre – fejn persuni jistgħu jqattgħu ħin jaqraw u jissoċjalizaw filwaqt li jedukaw u jirrikreaw rwieħhom. Il-librerija mhix biss għal tfal tal-iskola jew għall- anzjani iżda għall-komunita kollha. Il-parir li tajt huwa li jinstab post (appartament ground floor/semi-basement) bi prezz li l-Kunsill jista’ jaffordja. M’għandnhiex inħarsu biss lejn il-librerija bil-mentalita antika, li huwa post fejn tmur tiġbor ktieb u titlaq ‘il barra. Investiment raġjonevoli ifisser spazji li jistgħu jintużaw mill-komunita għal diversi attivitajiet. Ovvjament din mhux xi ħaġa li tista’ ssir mil-lum għal għada, iżda naħseb li il-proġett jekk ippjanat tajjeb huwa fattibbli.
12.01.2012
January 16, 2012 at 9:38 pm |
Proset Ralph; ghamilt hafna suggerimenti li naqbel maghhom 100%; naqbel ukoll mal-bdil tal-isem; nibza biss mis-semibasement minhabba xi gharghar ghalkemm certa postijiet jidher li m’hemmx problemi bhal m’ghanda li stationery Paper Chase. Jixraq li H’Attard ikollu librerija sura ta nies u zgur li jekk dan isehh il-kotba li jinselfu aktar milli jirduppjaw. Possibbli xi fondi tal-Ewropa ghal dan l-ghan?
January 20, 2012 at 10:34 am |
Dwar fondi irrid nara. Dwar għargħar, iva kollox irid jiġi studjat qabel tinxtara propjeta. jien bħa;ek, konvint li post aħjar ifisser aktar użu u l-librerija issir post fejn wieħed jiltaqa’ u jgħid kelma.