Inservi – bid-djalogu u l-ideat

Ralph Cassar

Min jafni, jaf li mhux xi wieħed li noqgħod ninħela f’piki u argumenti bla bżonn. F’dawn is-snin bħala kunsillier f’isem Alternattiva Demokratika għamilt mill-aħjar biex inwassal il-prijoritajiet tiegħi fuq l-aġenda tal-kunsill. Dan billi nikkonvinċi bid-djalogu lill-kollegi kunsilliera. Fejn ma qbiltx ma ddejjaqtx ngħid kif u għaliex. L-ewwel snin ta’ dan il-kunsill ma kienux faċli, iżda xorta ħdimt ma’ kunsilliera oħra, huma min huma, biex intejjbu s-sitwazzjoni.

Kburi li ma qgħadtx lura milli kontinwament nagħmel il-proposti tiegħi. Emfasizzajt ħafna fuq il-protezzjoni ta’ spazji miftuħa anke meta kien hemm proposti biex dawn, bħall-pjazza ta’ wara l-knisja u dik tal-qasam tad-djar tal-gvern jinqalgħu u jsiru parti mit-triq. Jekk inkun elett fil-kunsill inkompli niddefendi dawn l-ispazji, anzi nikkopera ma’ sħabi, biex fejn possibbli jiżdiedu l-ispazji pubbliċi. Il-kredenzjali tiegħi f’dal-qasam jitkellmu waħdehom – mix-xogħol tiegħi kontra żvilupp żejjed fosthom f’Ta’ Fġieni u Triq Dun Mikiel Xerri sa’ l-attiviżmu tiegħi u l-partit tiegħi fuq bażi nazzjonali.

Għalkemm kien hemm xi intoppi minħabba sejbiet arkeoloġiċi, kburi ukoll li kont minn tal-ewwel li insistejt u ħdimt fuq l-immodernizzar tal-Ġnien Ħal Warda u l-inklużjoni ta’ ‘open air gym’ f’dal-ġnien.

Problema serja li ili naħdem fuqha mill-1994 hija dik tal-isfreġju u l-illegalitajiet tal-barrieri f’Wied Inċita. Kburi li wasalna għal azzjoni fil-qrati fl-2009 u t-tkomplija tal-azzjoni fil-qrati dan l-aħħar. Jekk nerġa niġi elett niżgura li dan il-każ jibqgħa prijorita għall-kunsill.

Fost l-affarijiet li ħdimt fuqhom huma l-iskemi ta’ riċiklaġġ fosthom il-proġett ta’ kull sena eko-festa (is-separazzjoni tal-iskart iġġenerat fil-festa ta’ Santa Marija), sports fit-toroq, korsijiet u fuljetti edukattivi dwar ir-riċiklaġġ, l-użu ta’ enerġija alternattiva mill-iskola primarja u f’sinjali tat-traffiku, u t-tħawwil ta’ siġar Maltin.

Prijoritajiet li nħoss li se nkompli naħdem fuqhom huma pjan għall-mobilita b’emfasi fuq bankini tajba, u toroq residenzjali aktar sikuri kemm għal min jimxi, kif ukoll għal min juża r-rota. Se nkompli naħdem biex il-faċilitajiet tal-librerija pubblika, inkluż post ġdid għaliha, jitjiebu bit-tir li din issir ċentru ħaj għall-komunita tagħna. Ir-restawr tal-linja tal-ferrovija, li għalkemm għamilt ħafna xogħol biex issir ma wasalniex għaliha issa għandha issir prijorita.

Fl-aħħar mill-aħħar b’wiċċi minn quddiem inwiegħed li naħdem biex il-kunsill jaħdem permezz tad-djalogu u l-koperazzjoni, lil hinn mill-piki, kif jistħoqqlu Ħ’Attard. Id-diversita ta’ opinjonijiet hija vantaġġ għax mid-diversita joħroġ l-aħjar. Kunsill mingħajr diskussjoni u konfront tal-ideat jaqa’ fil-medjokrita. Mhux se niddejjaq nirringrazzja lill-kunsilliera l-oħra li speċjalment f’dawn l-aħħar sentejn irnexxielna naħdmu flimkien b’mod aktar seren, mhux għax qbilna f’kollox, imma għax irrispettajna l-opinjonijiet xi kultant differenti ta’ xulxin.

Nirringrazzjak tal-appoġġ u l-fiduċja tiegħek. Bħal dejjem jiena disponibbli niltaqa’ u nisma’ l-ideat tiegħek. Tista’ tikkuntattjani fuq 99894962, cassarralph@gmail.com u https://ralphcassar.wordpress.com.

One Response to “Inservi – bid-djalogu u l-ideat”

  1. Godfrey Camilleri Says:

    Proset Ralph; grazzi mill-qalb tax-xoghol fejjiedi li dejjem taghmel mal-kunsilliera l-ohra; ahna nappoggjawk.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s


%d bloggers like this: