B’dedika lill-ftit li jxammru l-kmiem

Laqatni artiklu ta’ Saviour Balzan http://www.maltatoday.com.mt/en/blogsdetails/blogs/Salvaging-third-party-politics-20130523 illum. Fil-fatt kont sorpriż. Salvu mhux xi bniedem sentimentali fi kliemu, imma l-artiklu jolqot il-likk u min ħadem u għadu jaħdem għal politika pluralista f’Malta żgur jagħraf il-konvinzjoni li l-bidla fil-mentalita u l-mod ta’ kif issir il-politika f’Malta hija b’azzjoni politika BISS.

Il-problemi li iffaċċjajna u li kull min jisfida l-patt ta’ bejn il-PN u l-PL jiffaċċja huma varji.

L-ewwel problema hija l-mentalita li tagħmel xi ħaġa, titkellem u tagħti sehmek f’partit biex tieħu – inkella “għalxejn”. Ħares lejn x’qed jiġri – minn bordijiet Nazzjonalisti (Marthese Portelli  u oħrajn fil-Wasteserve, Sladden tal-ETC, kandidati Nazzjonalisti fil-board tal-Gozo Channel, kandidati Nazzjonalisti jew qraba ta’ attivisti Nazzjonalisti fl-Enemalta…il-lista hija twila) issa tilja kandidati Laburisti li jieħdu l-premju talli ħadmu fil-kampanja elettorali tal-partit. Waqt il-kampanja diġa jkunu jafu li x-xogħol “b’xejn” lill-partit se jitħallas minna lkoll wara l-elezzjoni. Il-verita hija li l-volontarjat spiċċa. U jekk partit ma jkollux biex b’xi mod iħallsek – anke jekk mhux bi flusu – allura ma tantx ikun hemm min ixammar il-kmiem.

In-nies tal-partit fil-bordijiet, ibda mill-Wasteserve sal-Freeport iservu ukoll biex idaħħlu nies jaħdmu bħala rigal għall-vot lil partit partikolari. Il-Freeport kumbinazzjoni mimli nies mid-Distrett tal-Belt… forsi tinbidel ftit issa, interessanti naraw minn liema distrett jidħlu n-nies issa.

It-tieni problema hija li min jinvolvi ruħu fil-politika jsib il-bsaten fir-roti, ġieli minn tal-familja stess. “X’se tagħmel b’idejk?”. “Attent”. “X’se tieħu?”. “Se jaqbdu miegħek”. U l-litanija tkompli. Fortunatament lili qatt ħadd ma ndaħalli, imma nissoponi li jien fil-minoranza!

Hemm ukoll il-fatt li trid tlaħħaq m’Alla u max-xitan. In-nies “normali” bħalna jaħdmu ħinijiet fissi, għandhom ħafna affarijiet x’jagħmlu minn familja, sa tfal, sa studju sa ħinijiet twal ta’ xogħol. Ħafna attivitajiet, stediniet li għalihom jkunu mistiedna kelliema tal-partiti jsiru filgħodu. Kemm-il darba tiflaħ titlaq mix-xogħol? Aħna tal-AD irridu nieklu mix-xogħol fulltime tagħna – ma ninnegozjawx mal-Gvern f’isem tax-Shell.

Kif jgħid Salvu, hemm ħafna nies li ħlief jibgħatulek il-messaġġi biex jippontifikaw, jippużaw u jgħidulek x’għandek tagħmel ma jagħmlux. Meta titlobhom jagħtu daqqa t’id u jinvolvu ruħhom jibdew l-iskużi. Din ma tiġrix magħna biss, iżda ovvjament jien l-aktar li taf huma l-affarijiet “tagħna”. Hemm ħafna li jibżgħu biża nkredibbli. U mbagħad hemm dawk li jridu jingħoġbu ma kulħadd, u jispeċjalizzaw fil-lagħqiżmu – is-sindromu tal-flavour of the month. Jew forsi aħjar is-sindromu Cyrus Engerer li missu jikteb il-Manwal “Kif tkun fis-Segretarjat ta’ Ministru Nazzjonalista, u  tinċensa lill-Kapo fil-Kunsill Ġenerali u tinċensa lill-“Joseph” il-ġimgħa ta’ wara u tispiċċa fis-Segretarjat ta’ Ministru Laburista fi ftit xhur”.

Imbagħad hemm l-istituzzjonijiet u l-eżekuturi tax-xewqat tagħhom kontra. L-istazzjon pubbliku dawn l-aħħar snin kien iddominat minn kumpanija li kienet tikkontrolla min jidher, kif jidher u kemm jidher. Waqt i-kampanja elettorali ħafna ħela ta’ ħin ġejjin u sejrin għand l-Awtorita tax-Xandir biex tipprova tiħu raġun. F’dan il-pajjiż mhux l-opinjoni tgħodd iżda min qed ilissinha. Bondi+: jistiednu lil kelliem tal-AD għal 5 jew 6 minuti f’programmi maħdum biżżilla biex jaqdu lill-PN. Il-preżentatur bilkemm ma jindaħalx biex tgħid dak li jrid jisma hu. Il-manuvri ta’ Joe Azzopardi, dwar il-ħinijiet u l-metodu tal-interventi f’Xarabank ħaqqhom jiġu studjati minn Vladimir Putin. Dejjem b’kumbinazzjoni l-kelliema tal-PN u l-linja ta’ mistoqsijiet u l-filmati preparati tal-preżentaturi minn qabel jaqblu perfettament. Ovvjament dejjem se jiċħdu kollox – dawn mhux xi affarijiet li tant tista’ tipprova f’xi qorti, imma meta tarahom iseħħu u tħosshom fuqek u l-kollegi tiegħek nassigurakom li huma reali.

Hemm ukoll min jkellmek dwar żbalji li saru jew setgħu saru waqt kampanja elettorali. L-opinjonijiet ivarjaw. Dejjem ikun hemm x’tirranġa u affarijiet li setgħu saru aħjar. Imma mhux ovvja jaħasra? Mhux fid-dinja qed ngħixu u mhux nies bl-impenji, l-limitazzjonijiet, u anke l-preġji tagħna aħna kollha kemm aħna?

Ma ninsewx li aktar milli s-suġġetti li tkellimna fuqhom l-isfida prinċipali tibqa’ il-mentalita li l-politika qegħdha hemm għall-pjaċiri u li nwegħdu l-ilma jiżfen mingħajr ma niffaċċjaw ir-realta.

Fost is-suġġetti li xi persuni qaluli li ma missna qatt semmejna hemm l-infieq tal-Gvern u t-taxxi. Boqq ma nafx. Imma naħseb għidna l-affarijiet kif inhuma. F’Malta għad hawn min jista’ jitkellem fuq infieq, “tablets” b’xejn, stipendji għal kull student u sistema ta’ saħħa “b’xejn” mingħajr ma jitkellem fuq kif issostni u tiggarantixxi d-dħul mit-taxxi.

Illum stess fit-TImes of Malta artiklu li jgħid li d-deficit se jogħla u d-dħul mit-taxxi se jonqos (“tax revenue stunted”). Bażikament il-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma nidher bombastiku, qed tagħti raġun lill-AD (Michael Briguglio u aħna lkoll kemm-il darba għamilna dal-punt qabel l-elezzjoni – bil-PN u l-PL ta’ politiċi tal-ħabba gozz li huma jmeru s-sewwa magħruf). Wara kollox dak li għidna mhux xi sigriet ta’ Fatima. Ma tridx tkun xi għaref biex tinduna li ma jistax ikun li ssostni stat soċjali (u nżidu aħna modernizazzjoni ekoloġika tal-pajjiż) mingħar dħul sostenibbli. Jekk mort l-isptasr u ħadt b’xejn, jekk mort l-iskola b’xejn, jekk mort s-Sixth Form u l-Universita snin ilu u ħadt l-għajnuna (u mn’alla għax f’familja ta’ erba’ aħwa ħadd ħlief il-ġenituri ma jaħdmu…) huwa ovvju anzi dover li se nħallas lura skont kemm naqla. Ir-realta irridu jew ma rridux hija rridu nagħżlu: jew min jiflaħ iħawwel jew li bħala soċjeta kull membru jkun intitolat għal ċerti servizzi li naqsmu l-piż tagħhom aħna lkoll. L-importanti huwa li naraw li t-taxxi tagħna jintefqu b’mod tajjeb u effettiv.

Fl-aħħar mill-aħħar li hemm bżonn huwa li kull min jemmen fil-bżonn ta’ pluraliżmu jxammar il-kmiem u mhux jistenna li ħaddieħor jifrixlu t-triq… “ħaddieħor” l-istess impenji, u ħajja bħal tiegħek għandu… ħadd m’huwa Superman/Superwoman!

Ili ma nikteb u allura dan il-blog ħallata ballata ta’ affarijiet mingħajr wisq struttura u żbalji tal-kitba ‘l hemm u ‘l hawn. Nispera li nsib il-muża li nikteb iżjed ma ndumx. Insellem lil dawk kollha li jxammu l-kmiem mingħajr ma jistennew xejn lura.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s


%d bloggers like this: