Archive for June 18th, 2013

Muscat u l-pont taċ-Ċiniżi

June 18, 2013

Il-fatt li l-oppożizzjoni Nazzjonalista m’hi oppożizzjoni xejn, għax mhix kredibbli ma jfissirx li Muscat u l-Ministru għal Għawdex Refalo mhux qed jgħidu l-fesseriji fuq il-pont taċ-Ċiniżi.

Il-fatti jibqgħu dawn:

1. Gżira żgħira ta’ 30,000 persuna tista’ tuża l-pożizzjoni ġeografika tagħha biex toffri esperjenza unika f’diversi oqsma speċjalizzati fit-turiżmu, kultura, ekoloġija eċċ.

2. Irridu u ma rridux il-popolazzjoni żgħira ta’ Għawdex u Malta jagħmlu mina (li semmew kemm Said u Mercieca qabel l-elezzjoni) jew pont mhux vijabbli.

3. Hemm diversi soluzzjonijiet għal konnessjonijiet ma’ diversi postijiet f’Malta, mhux l-anqas iż-żoni kummerċjali ewlenin bħall-Belt u ż-żona tal-Gżira/Msida/Sliema/San Ġiljan bil-baħar. Li tiffranka l-vjaġġ ta’ 40 minuta bil-karozza miċ-Ċirkewwa tal-qalba kummerċjali ta’ Malta ta’ min jeżaminha. Irridu jew ma rridux noffru alternattivi differenti? Waħda mis-soluzzjonijiet jista’ jkun ‘rapid ferries’ għall-passiġġieri biss lejn żoni viċin fejn jaħdmu numru kbir ta’ nies u b’konnessjonijiet tajbin mas-sistema sura ta’ trasport pubbliku.

4. Anke bis-sistema ta’ vapuri preżenti ta’ min jara jekk ikunx jagħmel sens li tal-anqas f’ċerti ħinijiet għandux ikun hemm servizz b’kowċ li jibda minn postijiet ċentrali f’Għawdex u jibqa’ sejjer bil-passiġġieri b’kollox fuq il-vapur lejn postijiet ċentrali f’Malta?

5. Il-prezz ta’ mina jew pont huwa ASTRONOMIKU – Muscat irid ifalli pajjiż milli jidher…jew ma jafx x’qed jgħid.

6. Kemm se jkun in-noll biex tuża l-pont? Żgur mhux b’xejn.

7. Malta pajjiż wieħed – il-pajjiż kollu jkun affettwat b’xi mod jew ieħor.

8. Jgħid x’jgħid Muscat dan mhux każ ta’ favur jew kontra “investiment miċ-Ċina”… mhux kulħadd għandu ċellola waħda biss f’moħħu biex jaqa’ għal retorika pwerili u tal-vavi.

9. Li hemm bżonn huwa pjan ħolistiku fuq il-mobilita sostenibbli għal Malta u Għawdex. Iż-żmien tal-bużullotti populisti suppost spiċċa hux?

Fl-aħħar jista’ jkun li dawn it-teatrini m’huma xejn ħlief kastelli fl-arja jew diversiv… min jaf!?