Dwar il-froġa kbira ta’ Austin Gatt fit-trasport ma tantx hemm x’iżżid. Dwar in-nuqqas ta’ politika serja għal mobilita sostenibbli: kemm fuq l-art, kif ukoll bil-baħar, u sistema ta’ trasport pubbliku integrata, b’emfasi fuq żoni ħielsa mit-traffiku, kif ukoll politika pro-attiva favur mezzi alternattivi ta’ trasport fis-snin li għaddew lanqas wieħed għandu fejn jitfixkel għax ma tantx kien hemm xi inizjattivi innovattivi fuq xiex titkellem.
Kull meta, anke fuq livell lokali f’Ħ’Attard, ippruvajt naħdem fuq ideat bħal ‘home zones’ ma Transport Malta, ma tanxtx sibt entużjażmu jew koperazzjoni. Anke fuq sempliċi sinjali tat-traffiku jaqlgħulek qalbek.
Biex ma nsemmix l-postijiet li fihom ma kull nifs tżossok qed tifga: l-Imsida, l-Ħamrun, l-Fgura. Xi ħadd se jieħu d-deċiżjonijiet kuraġġużi biex jonqos t-traffiku f’dawn iż-żoni? L-indikazzjonijiet huma li mill-frejjeġ ta’ Gatt sejrin għall-balbuljati ta’ Joseph – Muscat u Mizzi.
Mill-ktejjeb dwar il-Budget 2014 li tqassam fid-djar:
“INTEJBU T-TRASPORT F’PAJJIŻNA”
“Taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi” – jgħidilna li dak li mhux suppost tħallas se jingħata lura. Tajjeb – hekk għandu jkun. Mhux aċċettabbli li dak li tħallas żejjed jibqa’ ma jingħatax lura.
Iżda mbagħad iż-żewġ punti l-oħra jgħidulna hekk:
“Prijorita lill-proġetti li jnaqqsu t-traffiku – Numru ta’ proġetti maħsuba biex inaqqsu t-traffiku madwar il-pajjiż, bi prijorita lill-flyovers.”
“CVA fil-Belt Valletta iżjed flessibbli – Parking b’xejn fil-Belt wara s-2.00pm u fi tmiem il-ġimgħa.”
Mela l-pjanijiet biex inaqqsu t-traffiku mhux xi ftehim ġdid li qatt ma jasal għal xi servizzi żejda ta’ trasport fil-ħinijiet u lejn u mill-postijiet tax-xogħol jew postijiet traffikużi. Il-pjanijiet mhux se jimbuttaw in-nies imorru l-Belt bit-trasport pubbliku. Il-pjanijiet mhux biex ineħħu t-traffiku mill-qalba tal-ibliet.
Jekk qed nifhem sew il-pjanijiet biex “intejbu t-trasport f’pajjiżna” huma:
* flyovers għal aktar traffiku;
* u aktar karozzi fil-Belt Valletta.
Imma qed naqra ħażin? Imma qed nitkellmu l-istess lingwa hawn jew le?
Minn froġa għal balbuljata.